Arkanġlu Mikiel
Mikiel huwa wieħed mit-tliet arkanġli li jissemmew b'isimhom fil-Bibbja, flimkien ma' Rafel u Gabrijel. L-isem Mikiel ġej mil-espressjoni "Mi-ka-El" li tfisser "min hu bħal Alla?"
San Mikiel fil-Bibbja
[immodifika | immodifika s-sors]San Mikiel jissemma darbtejn fit-Testment il-Qadim u darbtejn fit-Testment il-Ġdid. Jissemma darbtejn fil-Ktieb tal-Profeta Danjel bħala l-Prinċep li jħares lill-ulied tal-Poplu t'Alla, lil-Lhud, fi żmien il-jasar tal-Babilonja.
“ F’dak iż-żmien iqum Mikael, ir-rajjes il-kbir, li qiegħed għassa fuq il-poplu tiegħek, u jkun żmien ta’ dieqa li bħalha qatt ma kienet mindu kien hemm ġens sa dak iż-żmien; f’dak iż-żmien jinħeles il-poplu tiegħek, kull ma jinsab fil-ktieb. ”
- Danjel 12, 1
Fl-Ittra ta' San Ġuda jissemma San Mikiel jiġġieled max-xitan fuq il-ġisem ta' Mosè.
“ Mikiel, l-arkanġlu, meta kien jiġġieled u jiddiskuti max-xitan fuq il-ġisem ta’ Mosè, ma kellux ħila jagħtih sentenza bit-tagħjir, imma qal, ‘Irażżnek il-Mulej’. ”
- Ġuda, 9
Fl-Apokalissi 12, 7-8, insibu r-rebħa tal-anġli mmexxija minn San Mikiel fuq x-xjaten wara battalja qalila.
“ U saret taqbida fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu, jitqabdu mad-dragun, u d-dragun jitqabad u l-anġli tiegħu, imma dawn kienu megħlubin u ma kienx hemm post għalihom fis-sema. ”
- Apokalissi 12, 7
San Mikiel jissemma wkoll f’kotba Apokrifi bħal “De principiis” ta’ Oriġenu u “Rivelazzjoni ta' Mosè”.
San Mikiel fir-reliġjon Iżlamika
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Koran, l-anġlu Mikiel jissemma darba, fis-Sura 2:98. L-Arkanġlu Mikiel huwa wieħed mill-erba' Arkanġli għall-Misilmin u wieħed minn tnejn imsemmijin b’isimhom fil-Koran, flimkien ma' Gabrijel.
Id-devozzjoni lejn San Mikiel Arkanġlu
[immodifika | immodifika s-sors]It-tradizzjoni Nisranija tħares lejn San Mikiel bħala dak li jiġġieled kontra x-xitan, dak li jsalva l-erwieħ fil-punt tal-mewt, dak li jħares lill-Knisja, u dak li jieħu l-erwieħ għand Alla għall-ġudizzju. L-Insara tal-bidu kienu jpoġġu l-morda taħt il-ħarsien ta' San Mikiel. San Mikiel hu marbut ma’ ħafna nixxigħat bil-qawwa li jfejqu madwar l-Ewropa, bħal fi Chiarotopa ħdejn Kolossae u dawk f’Khonas. Fis-Santwarju ta’ Sosthenion, qrib Kostantinopli jingħad li San Mikiel deher lill-Imperatur Kostantinu. F’Ruma, jingħad li l-Arkanġlu deher fuq il-Moles Hadriani fis-sena 950 w.K. waqt purċissjoni mill-Papa Girgor għall-ħelsien mill-pesta. Jingħad ukoll li fis-seklu 6 w.K. l-Arkanġlu Mikiel deher fuq il-muntanja Gargano fin-nofsinhar tal-Italja.
F'Malta nsibu tliet knejjes iddedikati lil San Mikiel: fis-Salini (Burmarrad), fl-Iklin u fl-Imqabba. Kien hemm oħra Ħaż-Żebbuġ.
L-Arkanġlu Mikiel huwa l-patrun tal-morda, tal-kavallieri, tal-baħħara u tal-bejjiegħa tal-merċa. Hu patrun ukoll ta’ Franza u tal-Ġermanja.
San Mikiel Arkanġlu jiġi raffigurat b’xabla f’idu, liebes kurazza, rebbieħ fuq ix-xitan. Ġieli jiġi raffigurat ukoll b’miżien f'idu, simbolu tal-ġustizzja divina.
Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tiegħu nhar id-29 ta’ Settembru, flimkien mal-Arkanġli Gabrijel u Rafel.
Is-Santwarju ta' San Mikiel fuq il-Gargano
[immodifika | immodifika s-sors]L-oriġini tas-santwarju ta’ San Mikiel tmur lura għas-sena 490. Skont it-tradizzjoni, raġel għani, ċertu Elvio Emanuele, ħa l-merħla tiegħu tirgħa fuq il-muntanja Gargano. Barri ħarablu u dam ħafna jfittxu. B’għaġeb kbir sabu għarkubbtejh quddiem għar, tgħid il-leġġenda. Bir-rabja li ħakmitu Elvio sparalu vleġġa imma spiċċa biex laqat siequ stess. Imbellah b’dak li ġara, Elvio erħielha għand l-isqof u tarraflu x’ġara.
Wara tlett ijiem ta’ talb u sawm l-Arkanġlu San Mikiel dehrlu u qallu: “Jiena l-Arkanġlu Mikiel. Jiena dejjem fil-preżenza ta’ Alla. L-għar huwa qaddis għalija. Għażiltu jien. Jiena nnifsi il-ħarries tiegħu… Fejn hemm il-blat miftuħ id-dnubiet tal-bnedmin huma maħfura… Dak li jintalab hawnhekk fit-talb jiġi maqlugħ. Għalhekk, mur fuq il-muntanja u ddedika l-għar lir-reliġjon Nisranija”. Sfortunatament l-isqof ma tahx widen kemm għax l-għar kien fl-għoli u anki għaliex dak l-imkien kien post fejn il-pagani kienu jqimu l-allat foloz tagħhom.
Sentejn wara, jiġifieri fis-sena 492, in-nies ta’ Siponto ġew assedjati mill-għadu tagħhom. L-Isqof San Lorenzo rnexxielu jikseb ftehim ta’ tlett ijiem ta’ waqfien mill-ġlied. Tul dawn il-jiem sam u talab b’fidi kbira. Fit-tielet jum dehrlu l-Arkanġlu u qallu li n-nies tal-belt kienu se jirbħu l-battalja. Dan il-messaġġ tant mela b’kuraġġ lin-nies tal-belt li ħarġu u qerdu lill-għadu f’ħakka ta’ għajn. Il-ġellieda kienu msieħba minn dawl qawwi u ragħad.
Meta ra din ir-rebħa ssir quddiem għajnejh, l-Isqof reġa’ lura minn fehmtu u ħaseb biex jikkonsagra l-għar imqaddes li kien ħeġġu jagħmel San Mikiel Arkanġlu. Imma l-Arkanġlu dehrlu u qallu li l-għar kien diġà kkonsagrah hu stess. Minħabba dan il-fatt tal-għaġeb, din il-bażilika tissejjaħ “il-Bażilika Ċelesti” l-għaliex ma ġietx ikkonsagrata minn idejn il-bnedmin. Meta sema dan, l-isqof, flimkien ma’ seba’ isqfijiet oħra Apuljani, irħwelha purċissjonalment lejn l-għar imqaddes mal-poplu u man-nies ta’ Siponto. Tul il-purċissjoni ġrat ħaġa tassew tal-għaġeb skont it-tradizzjoni: xi ajkli ħarsu lill-isqfijiet mid-dawl tax-xemx billi fetħulhom ġwenħajhom. X’ħin waslu fl-għar sabu li kien hemm altar qadim u li kien mgħotti b’terħa tal-vermilion, b’salib għoli fuqu. Skont il-leġġenda, instabet ukoll il-forma tas-sieq ta’ San Mikiel fil-blat. B’ferħ mill-aktar kbir l-isqof offra l-ewwel Ewkaristija f’dan il-post mqaddes. Kien id-29 ta’ Settembru tas-sena 493.
L-aħħar ġrajja marbuta mal-interċessjoni qawwija ta’ San Mikiel seħħet mal-1150 sena wara, sewwasew fl-1656. In-naħa ta’ isfel tal-Italja kienet maħkuma mill-marda qerrieda tal-pesta. Quddiem din l-epidemija, li ħalliet eluf ta’ nies mejta, l-Arċisqof, Alfonso Puccinelli, sam u talab lil San Mikiel Arkanġlu. Barra minn hekk, kiteb talba u poġġieha quddiem l-istatwa tal-Arkanġlu li hemm fis-santwarju tiegħu fil-Gargano. Nhar it-22 ta’ Settembru, waqt li kien qiegħed jitlob fil-kappella tal-palazz tiegħu fuq Monte Sant’Angelo kien hemm bħal terremot u San Mikiel dehrlu f’dija li tgħammex. L-Arkanġlu ordnalu biex ibierek il-ġebel tal-għar u jnaqqax fuqhom is-sinjal tas-Salib u l-ittri MA (Mikiel Arkanġlu).
Min żamm dawn il-ġebel b’devozzjoni kellu jkun imħares mill-pesta. L-isqof għamel dak li qallu l-Arkanġlu. L-istorja tgħid li mhux biss il-belt ġiet meħlusa mit-theddida tal-pesta imma wkoll dawk kollha li talbu għall-ġebel biex iżommuh b’devozzjoni, jgħixu fejn kienu jgħixu. Bħala tifkira għal dejjem u bi gratitudni eterna għal dan il-miraklu li l-Mulej wettaq permezz ta’ San Mikiel, l-Arċisqof bena monument lil San Mikiel fil-pjazza tal-belt, li wieħed għadu jista’ jarah sal-lum, sewwasew quddiem il-kamra fejn jingħad li seħħet id-dehra. Il-kitba li hemm fuq il-monument tgħid hekk: “Lill-Prinċep tal-Anġli, Konkwistatur tal-Pesta, Patrun u Ħarries, aħna npoġġu dan il-monument bi gratitudni eterna. Alfonso Puccinelli 1656”.
Matul iż-żminijiet, is-santwarju fuq il-Gargano kien post li ra eluf ta’ pellegrini li żaruh. Fost l-għadd bla tarf ta’ pellegrini li telgħu fuq il-muntanja Gargano insibu lill-Papiet Ġelasju I, San Ljun IX, Urbanu II, Alessandru III, Gregorju X, San Ċelestinu V, Ġwanni XXIII (meta kien għadu Kardinal) u Ġwanni Pawlu II. Fost is-slaten li żaru din il-Bażilika Ċelesti nsibu lil Ludoviku II, Ottone III u ommu Teofane, Karlu t’Anġù, Alfonsu t’Aragona, is-Slaten Borboni Ferdinandu I u II, Vittorju Emanuele III u Umberto ta’ Savoja. Ma’ dawn nistgħu nżidu wkoll xi qaddisin bħal San Franġisk t’Assisi, Santa Briġida tal-Isvezja, San Alfons Maria de Liguori, San Geraldu Maiella u San Piju ta' Pietralcina.
Sa mit-13 ta’ Lulju 1996, il-kura pastorali tas-santwarju ta’ San Mikiel fuq il-muntanja tal-Gargano għaddiet f’idejn il-Kongregazzjoni ta’ San Mikiel Arkanġlu. Il-Mikeliti, kif inhuma magħrufa l-membri ta’ din il-kongregazzjoni, daħlu wara 25 sena ta’ servizz pastorali li kienu wettqu l-Benedittini Verginiani. Din il-kongregazzjoni Pollakka, imwaqqfa mill-Venerabbli Qaddej ta’ Alla, Dun Bronislao Markiewicz, għandha bħala għan tagħha li taqdi lit-tfal u liż-żgħażagħ abbandunati.
San Ġorġ Preca u San Mikiel
[immodifika | immodifika s-sors]Dun Ġorġ Preca kien devot kbir tal-Arkanġlu San Mikiel. Dun Ġorġ kien jirrakkonta kif darba meta kellu madwar ħames snin kien ghaddej il-Belt mas-seftura tal-familja u waqqfu uffiċjal żagħżugħ li qegħedlu f’idu arloġġ tad-deheb. Dan l-uffiċjal sparixxa f'daqqa u anke l-arloġġ. Dun Ġorġ kien persważ li dak l-uffiċjal ma kien ħadd ħlief l-arkanġlu San Mikiel u l-arloġġ kellu jkun l-Arloġġ ta’ Talb li Dun Ġorġ stess kellu jikteb għas-soċji tal-MUSEUM biex jitolbuh kull kwarta.
Iżjed tard Dun Ġorġ għażel lil San Mikiel bħala d-Difensur tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Fil-bidu ta' kull laqgħa tagħhom, is-soċji jagħtuh qima b'talba msejħa s-Salve Sancte Michael, li qabel kienet titkanta bil-Latin:
“ Sliem għalik O Qawwi San Mikiel, Int tħarisna f'kull tiġrib. Lill-anġli t'Alla kull ġieħ u glorja għax lilu jaqdu u jagħtu qima, kull ġieħ u glorja. ”
L-Iskola St Michael
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar l-4 ta' Novembru 1946, bil-barka ta' Dun Ġorġ, soċju tal-MUSEUM u eks-impjegat tat-Tarzna, Toni Agius, mgħejjun l-iktar mill-Assistent Superjur Ġenerali Karmenu Callus, fetaħ skola tas-Soċjetà tal-MUSEUM, bl-isem Skola St Michael li fil-bidu kienet f’dar jisimha Villa Violette, il-Marsa. Iżda erba’ snin wara, fl-1951 is-Soċjetà akkwistat biċċa art kbira fl-inħawi ta’ Fleur-de-Lys. Nhar id-19 ta’ Mejju 1951, Dun Ġorġ imdawwar mis-soċji, għalliema u tfal, bierek l-ewwel ġebla tal-iskola u talab b’dal-kliem:
“ Missier Etern, ħares lejn il-wiċċ venerabbli ta’ Ibnek Ġesu Kristu u tpaxxa bih, u bierek għall-merti tiegħu dil-ġebla, biex l-iskola titla’ bil-barka tiegħek u joħroġ ġid spiritwali u temporali, u kull min jidħol fiha jkun oġġett tal-ħniena tiegħek. O Verġni Mbierka, bierek issa din l-art li fuqha se tinbena l-iskola għall-glorja t’Alla u għall-ġid tal-erwieħ. San Ġużepp, noffrulek is-safa ta’ qalbek biex titfa’ ħarsa fuq l-art li fuqha se tinbena l-iskola li aħna, b’gost kbir ta’ qalbna, niddedikaw il San Mikiel Arkanġlu. ”
Kuljum fl-Iskola St Michael, wara l-brejk ta' nofsinhar l-istudenti jitolbu t-talba lil San Mikiel. Din it-talba kienet inkitbet u xterdet mill-Papa Ljun XIII fl-1886 immedjatament wara viżjoni terribli li jingħad li kellu hekk kif spiċċa l-quddiesa. Fl-1930, il-Papa Piju XI kien ordna li t-talba lil San Mikiel tingħad b'intenzjoni speċjali, għall-konverżjoni tar-Russja. It-talba kienet tingħad fl-aħħar ta' kull quddiesa. Fir-riforma tal-Liturgija ta' wara l-Konċilju Vatikan II, matul il-Pontifikat ta' Pawlu VI, ir-reċitazzjoni tat-talba ta' Papa Ljun tneħħiet mill-quddiesa.
“ San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa' bil-qawwa tiegħek fil-qiegħ ta' l-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien ta' l-erwieħ. ”
Fl-Arti u l-Letteratura
[immodifika | immodifika s-sors]L-epika ta’ John Milton, Paradise Lost tirrakkonta fis-sitt ktieb l-istorja tal-ġlieda bejn l-anġli t-tajbin immexxija mill-Arkanġlu Mikiel kontra x-xjaten.
L-Arkanġlu Mikiel hu l-karattru priċipali, maħdum minn John Travolta, fil-film Michael (1996).
Fil-film Ghost Rider (2007), l-Arkanġlu Mikiel huwa wieħed mill-karattri prinċipali.